Dwar il-Portal tar-Rimedju għall-Konsumaturi
Il-Portal tar-Rimedju għall-Konsumaturi huwa għodda interattiva, stabbilita skont l-Artikolu 20(8) tad-Direttiva (UE) 2025/2647, bħala riżorsa biex tgħin lill-konsumaturi u lin-negozjanti jinnavigaw proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) u mezzi oħra ta’ rimedju għall-konsumaturi.
Dan joffri direttorju li tista’ tfittex fih tal-entitajiet tal-ADR iċċertifikati kollha (kif definit fl-Artikolu 2(1)), traduzzjoni awtomatika għal tilwimiet transfruntiera (skont il-Premessa 37), u aċċess dirett għall-formoli tal-ilmenti tal-entitajiet tal-ADR (fejn disponibbli) — kollha filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni estiż tad-Direttiva, li issa jinkludi kontenut/servizzi diġitali u tilwimiet ma’ negozjanti ta’ pajjiżi terzi.
Barra minn hekk, il-Portal tar-Rimedju għall-Konsumaturi jinkludi għażliet oħrajn biex jiġu solvuti tilwimiet tal-konsumatur, bħal Azzjoni Rappreżentattiva, Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, u aktar.
Jekk qed tfittex l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur, jekk jogħġbok żur is-Sit web Your Europe.
X'inhi l-Għodda tas-Sejbien ta’ Soluzzjoni?
L-Għodda tas-Sejbien ta’ Soluzzjoni tagħna hija għodda sempliċi u pass pass fuq il-Portal tar-Rimedju għall-Konsumaturi li tgħin lill-konsumaturi jidentifikaw għażliet differenti rilevanti għat-tilwima tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew iż-Żona Ekonomika Ewropea.
Uħud mill-għodod se jkunu applikabbli biss għal ċerti tipi ta’ tilwimiet, bħal meta l-konsumatur u n-negozjant ikunu bbażati f’pajjiżi differenti. Oħrajn huma disponibbli biss f’setturi speċifiċi. L-għodda tas-sejbien ta’ soluzzjoni tippermettilek tara malajr liema għodod huma l-aktar utli għall-każ tiegħek, iżda jekk tixtieq, tista’ taqra dwarhom kollha.
Il-lista tal-għodod mhijiex eżawrjenti, iżda tkopri l-aktar sitwazzjonijiet komuni. Jista’ jkun hemm għażliet oħrajn, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħek, jew, pereżempju, skont il-bank tiegħek. Għandek ukoll id-dritt li tmur il-qorti, jekk temmen li hemm ksur tad-drittijiet tiegħek.
X’inhi s-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim?
Is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) hija għażla pragmatika biex jiġu solvuti l-ilmenti tal-konsumaturi fi kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea, fin-Norveġja, fl-Iżlanda u fil-Liechtenstein. Skont id- Direttiva - 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim għat-tilwim tal-konsumaturi, kif emendata mid- Direttiva - UE - 2025/2647 - MT - EUR-Lex, l-Istati Membri jridu jiżguraw li t-tilwimiet li jinvolvu negozjant stabbilit fit-territorji rispettivi tagħhom jistgħu jiġu sottomessi lil entità tal-ADR li tikkonforma mar-rekwiżiti stretti ta' kwalità tad-Direttiva.
Ħafna entitajiet tal-ADR joffru s-servizzi tagħhom bla ħlas. F'każijiet oħra, il-konsumaturi jħallsu tariffa żgħira. Il-biċċa l-kbira tal-każijiet jiġu solvuti fi żmien 90 jum minn meta tissottometti l-ilment tiegħek u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa (dan jista’ jieħu aktar żmien jekk il-każ tiegħek ikun kumpless ħafna). La l-konsumatur u lanqas in-negozjant mhu obbligat li jqabbad avukat (iżda xorta għandek id-dritt li tagħmel dan). Ħafna entitajiet tal-ADR se jsolvu l-każ permezz ta’ proċedura bil-miktub (sakemm il-partijiet ma jkunux jeħtieġu mod ieħor), jiġifieri, la l-konsumatur u lanqas in-negozjant ma jkollu bżonn jieħdu ħin frank mix-xogħol biex jipparteċipa fl-ADR.
L-Istati Membri jiddeċiedu kif jorganizzaw l-iskemi tagħhom ta' ADR: dawn jistgħu jiġu ffinanzjati pubblikament jew privatament, u jistgħu jieħdu forom differenti, bħal medjazzjoni, arbitraġġ jew servizzi tal-ombudsman. F'xi pajjiżi, in-negozjant għandu jieħu sehem fl-ADR u għandu jinforma lill-konsumaturi liema entità tal-ADR għandha tiġi kkuntattjata jekk ma tkunx tista’ ssolvi t-tilwima tiegħek b'mod bilaterali. Skont ir-regoli nazzjonali, l-eżitu jista' jkun deċiżjoni vinkolanti jew rakkomandazzjoni. Minkejja l-arkitettura nazzjonali tal-ADR, il-konsumaturi ma jitilfux id-dritt li jmorru l-qorti.
Jekk negozjant ikun ibbażat f'pajjiż differenti, il-konsumatur għandu jivverifika jekk l-entitajiet tal-ADR fil-pajjiż tiegħu jew tagħha jsolvux tilwimiet kontra negozjanti barranin. Jekk le, il-konsumatur ikollu bżonn jikkuntattja l-entità tal-ADR fil-pajjiż tan-negozjant.
Jekk għandek bżonn tikkuntattja l-entità tal-ADR f'pajjiż li mhux tiegħek, iċċekkja bir-reqqa r-regoli proċedurali, inklużi r-regoli tal-lingwa, u agħmel traduzzjoni tal-ilment tiegħek jekk meħtieġ.
Fil-futur, kull Stat Membru tal-UE se jkollu punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-ADR biex jgħinek tifhem u taċċessa l-proċeduri tal-ADR fi Stat Membru differenti.
Bħalissa, aktar minn 400 entità tal-ADR huma elenkati fuq il-Portal tar-Rimedju. Xi wħud minnhom huma speċjalisti, jiġifieri, se jħarsu biss lejn it-tilwimiet f’settur partikolari (jew xi drabi f’reġjun partikolari tal-pajjiż), jew lejn it-tilwimiet kontra negozjanti speċifiċi li impenjaw ruħhom li jużaw din l-entità tal-ADR. Ħafna pajjiżi waqqfu wkoll entitajiet tal-ADR residwi (omnikomprensivi) li jittrattaw it-tilwimiet fis-setturi kollha mhux koperti minn entitajiet tal-ADR speċjalizzati.
Kif issib l-entità tal-ADR korretta?
Jekk għandek tilwima ma’ negozjant, u dan in-negozjant huwa obbligat jew impenjat li juża l-ADR, li ssib l-entità t-tajba tista’ tkun sempliċi: in-negozjant irid jipprovdi din l-informazzjoni fuq is-sit web tiegħu, kif ukoll fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ. Barra minn hekk, jekk ilmentajt man-negozjant (u nħeġġuk tagħmel dan qabel ma tilmenta ma’ entità tal-ADR), u huwa ċar li l-ilment ma jistax jiġi solvut direttament, in-negozjant irid jinfurmak liema entità tal-ADR tista’ tiġi kkuntattjata. Tista’ ssir taf aktar dwar din l-entità tal-ADR fuq is-sit web tagħhom, jew taqra l-informazzjoni ewlenija hawn.
F'każ li ma rċevejtx din l-informazzjoni, jew in-negozjant la huwa obbligat u lanqas mhu impenjat li juża entità tal-ADR speċifika, tista' ssib waħda fil-lista tagħna: Il-korpi tas-soluzzjoni għat-tilwim - Rimedju għall-Konsumaturi fl-UE
Dan huwa l-mod kif tfittex:
- Agħżel il-pajjiż korrett fil-menu li jinżel fuq in-naħa tax-xellug. Ikklikkja "għalaq" meta tkun lest(a). B’mod ġenerali, jekk xtrajt xi ħaġa mingħand negozjant f’pajjiż li mhux tiegħek, ikollok bżonn tikkuntattja lill-entità tal-ADR fil-pajjiż tan-negozjant. Hemm eċċezzjonijiet: xi entitajiet tal-ADR se jirrieżaminaw tilwimiet bejn konsumatur lokali u negozjant barrani. Fil-futur, il-punti ta’ kuntatt tal-ADR li l-Istati Membri għandhom jaħtru sal-20 ta’ Marzu 2028, se jkunu jistgħu jgħinuk fit-tfittxija tiegħek. Għalissa, infakkruk li tista’ tikkuntattja wkoll liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi lokali tiegħek.
- Agħżel is-settur rilevanti (eż. it-trasport, l-assigurazzjoni, l-ikel, jew is-servizzi diġitali), skont xi tkun it-tilwima tiegħek.
- Irrieżamina r-riżultati - kull elenkar juri:
- L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-entità tal-ADR.
- Link għall-formola tal-ilmenti tagħhom (jekk disponibbli online).
- Liema tipi ta' tilwimiet jindirizzaw (kompetenza).
- Tariffa (normalment baxxa jew bla ħlas għall-konsumaturi).
- Liema lingwa għandek tuża biex tikteb l-ilment tiegħek.
- Jekk id-deċiżjonijiet tagħhom humiex vinkolanti jew rakkomandazzjonijiet.
Se ssib ukoll link għas-sit web tagħhom, fejn tista' titgħallem aktar dwar kif jaħdmu u r-regoli proċedurali tagħhom. Xi entitajiet tal-ADR jistgħu jillimitaw il-ħidma tagħhom għal tipi speċifiċi ta’ tilwimiet jew għan-negozjanti li diġà qablu li jaħdmu ma’ din l-entità tal-ADR. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-entità jew fuq il-paġna tar-riżultati tagħna.
Jien naħdem ma’ entità tal-ADR. Xi ftit informazzjoni dwar l-entità tiegħi ma għadhiex tgħodd jew mhijiex preċiża
Il-lista tal-entitajiet tal-ADR ippubblikata fuq il-Portal tar-Rimedju għall-Konsumaturi tinżamm aġġornata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif stipulat fid-Direttiva 2013/11/UE. Il-Kummissjoni Ewropea ma timmaniġġjax dawn l-aġġornamenti direttament. Biex tikkoreġi jew taġġorna l-informazzjoni tal-entità tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-awtorità nazzjonali rilevanti f’pajjiżek.
Nipprovdi soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi. Irrid niġi elenkat(a) fuq dan is-sit
L-inklużjoni fil-lista ta’ entitajiet tal-ADR hija rregolata mill-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/11/UE. Se jiġu elenkati biss l-entitajiet li ġew innotifikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali—u li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kwalità tad-Direttiva.
Għal informazzjoni dwar kif tiġi inkluż(a) fil-lista nazzjonali tal-entitajiet tal-ADR, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tiegħek.
